Il-Manuċċa ttir maż-Żmien
Agħfas fuq dan id-dokument t'hawn taħt biex tara l-programm:
Nhar is-Sibt li ġej, 6 ta' Mejju, fil-Pjazza Żejtun u 'l madwar se tkun qed tiġi mtellgħa l-attività 'Il-Manuċċa ttir maż-Żmien', mis-7.00 p.m. 'il quddiem, fejn ħames pjazez se jinbidlu fi żminijiet differenti tul l-istorja taż-Żejtun. Diversi attivitajiet, re-enactments, ġrajjiet storiċi, u aktar mill-perjodu ta' Tliet Saltniet, iż-Żejtun fi żmien il-Kavallieri, il-Franċiżi, u l-Ingliżi. Il-pubbliku se jkun jista' jgawdi ukoll minn bosta ikel tradizzjonali, u jammira l-għana Maltija, l-artiġjanat, u diversi bankerelli interessanti li se jkunu qed joffru esperjenza unika.
Il-manuċċa se tkun qed toħodna minn pjazza għal oħra u tgħaddina minn toroq dojoq li jsebbħu ċ-ċentru taż-Żejtun. Il-ħames pjazez huma dawn li ġejjin:
Il-Pjazza taż-Żejtun, ħdejn l-Oratorju, se tiġi ambjentata għal żmien it-Tieni Gwerra Dinjija biex tfakkar dak li seħħ fit-2 ta' Mejju, 1942, bis-sehem ta' Battlefront Living History Group.
Il-Pjazza taż-Żejtun, ħdejn is-Salib, se tinbidel għal żmien il-ħakma Franċiża biex tfakkar dak li seħħ 225 sena mill-attakka tal-Franċizi fuq din il-Pjazza u l-wasla tas-Salib li għadu jżejjen dan l-ispazju fiċ-ċentru taż-Żejtun.
Piazza Santa Croce, ħdejn l-Għajn tal-Bhejjem, se toħodna għal żmien il-Kavallieri biex tfakkar id-daħla tal-Gran Mastri de Rohan u Hompesch fiż-Żejtun.
Triq San Luċjan, quddiem il-Kunvent tas-Sorijiet, se tmur lura għal żmien l-Assedju l-Kbir biex tfakkar dak li seħħ fiż-Żejtun f'Mejju, 1565, bis-sehem ta' Campagnia San Michele.
Triq is-Salvatur, quddiem il-Kappella tas-Salvatur, se tinbidel għal żmien l-Aħħar Ħbit mit-Torok biex tfakkar dak li seħħ fis-6 ta' Lulju, 1614, bis-sehem ta' Show of Arms.
Din l-attività qed tiġi mtellgħa mill-Kunsill Reġjonali Nofsinhar u l-Kunsill Lokali taż-Żejtun.
Comments