Ġieħ iż-Żejtun 2014 jingħata lis-Sur Carmelo Delia

Bħal kull sena l-Kunsill Lokali taż-Żejtun fid-19 ta' Marzu, il-ġurnata li twaqqaf l-ewwel Kunsill Lokali fiż-Żejtun, jonora lil persuna li ħadmet b'risq iż-Żejtun u ż-Żwieten fil-qasam kulturali, tradizzjonali u soċjali. Persuna li dejjem rat li bix-xogħol tiegħu/tagħha ttella' isem iż-Żejtun u ż-Żwieten 'l fuq.

L-Erbgħa, 19 ta' Marzu, 2014, il-Kunsill Lokali taż-Żejtun waqt serata mużiko-letterarja, imtella' mit-Taqsima tal-Kultura, it-Turiżmu u l-Edukazzjoni Għolja mmexxija mill-Kunsillier Sean Chircop, ta l-unur ta' Ġieħ iż-Żejtun lis-Sur Carmelo Delia.

Informazzjoni dwar Carmelo Delia:

Carmelo jew Nenu, kif inhu magħruf minn ċkunitu, kien miġbud lejn l-arti, l-aktar dik popolari. In-nannu tiegħu Anġlu Delia fil-fatt kien imfittex għal xogħol fuq il-kartapesta.

Fi tfulitu Nenu kien midħla sew tal-Juventutis Domus hawn fiż-Żejtun u kien jgħin fid-disinn tax-xeni għall-produzzjoni tal-palk. Matul is-snin sebgħin għamel isem fl-arti karnivaleska bl-imudellar, xogħol fil-ġibs u l-kartapesta għall-karijiet trijunfali kbar u movimentati fl-isfilata nazzjonali. Hawn rebaħ l-ewwel premju għal bosta drabi. Fost il-karrijiet li għadhom jissemew sal-lum insibu l-Barba Blu.

F'dan ix-xogħol kien jispika x-xogħol taż-żebgħa li kellu xeħta li jintargħaf minn oħrajn speċjalment fl-isfumar li kienet tagħżlu minn xogħol dilettantesk. Hawn irnexxielu jagħmel isem u unur mhux biss għalih innifsu iżda wkoll għaż-Żejtun. Fil-fatt iż-Żejtun kien ilu mis-snin tlettin ikun irrappreżentat fl-isfilati nazzjonali tal-Karnival u kien Nenu li fis-snin sebgħin kompla din it-tradizzjoni.

Meta waqaf mill-bini tal-karrijiet trijonfali xorta waħda kompla jaħdem f'din it-tradizzjoni tal-Karnival billi kien jimudella l-maskri u jagħmel ix-xogħol taż-żebgħa kemm għall-irjus tal-bandisti, kif ukoll il-karru tal-Għaqda Banda Żejtun, tul is-snin tmenin u disgħin, fejn kien strumentali fir-rebħ tal-ewwel premju għal tnejn u għoxrin sena konsekuttiva. Dan l-aħħar reġa' ta' kontribut f'din il-linja, billi ħadem l-maskri tradizzjonali karnivaleski Żwieten li ħadu sehem f'Żejt iż-Żejtun ta' sentejn ilu u fil-Karnival ta' din is-sena.

Barra l-kamp sekulari Carmelo Delia għandu għal qalbu ħafna l-arti reliġjuża. Sal-bidu tas-snin tmenin iż-Żejtun ma kellux iċ-ċelebrazzjoni esterna tal-Irxoxt. Minkejja l-purċissjoni grandjuża tal-Ġimgħa l-Kbira, il-Knisja Parrokkjali ma kelliex l-istatwa ta' Kristu Rxoxt. Nenu Delia kien jemmen li dan kien nuqqas kbir u għalhekk beda jaħdem biex issir din l-istatwa. Ġabu l-għajnuna ta' membri tal-familja u personalment ħareġ il-flus minn butu sabiex saret il-ġmiel ta' statwa tal-Irxoxt li għadna fiż-Żejtun, xogħol l-iskultur Alfred Camilleri Cauchi. L-ewwel darba li fiż-Żejtun saret il-purċissjoni ta' Kristu Rxoxt kien fl-1984, bis-saħħa, bis-sagrifiċċju u x-xogħol ta' Carmelo Delia.

Sa dan it-tant għadu sal-lum jimmudella fil-ġibs statwi ta' kull daqs u suġġett, iżda l-aktar statwi tat-tittular ta' bosta parroċċi. Ta' dan kollu Nenu qatt ma ppretenda ħlas jew unuri, anzi dejjem qad lura bilkemm mhux mistoħbi iżda kuntent u sodisfatt illi bl-ideat, bix-xogħol u bis-sagrifiċju tiegħu isem iż-Żejtun u ż-Żwieten ikun dejjem fuq quddiem.