Beda t-tgħasir taż-żebbuġ

Mill-bieraħ beda jingħasar iż-żebbuġ fis-San Niklaw Estates fiż-Żejtun, il-lokal magħ­ruf għall-attività annwali ‘Żejt iż-Żejtun’ li din is-sena se ssir is-Sibt, 28 ta’ Settembru u l-għada l-Ħadd filgħodu biss.

Għall-ftuħ tal-għasir taż-żebbuġ attenda s-Segretarju Parlamentari Josè Herrera flimkien mas-Sindku taż-Żejtun Joe Attard u Michael Cohen flimkien mal-Kunsilliera Joan Agius li hija waħda mill-organizzaturi tal-attività ‘Żejt iż-Żejtun’.

F’diskors tal-okkażjoni Joe Attard ġibed l-attenzjoni li l-isem tal-lokal Żejtun huwa marbut mal-kultivazzjoni tas-siġar taż-żebbuġ u għasir tiegħu għaż-żejt. Fil-fatt il-kelma għaż-żebbuġ kultivat hija ‘żejtun’, qal is-Sindku Attard. Joe Attard qal li dan il-wirt kien inteża iżda qed jerġa’ jieħu r-ruħ. Hija ħasra li għad-ha teżisti l-mentalità li kif xi ħadd jipprova jagħmel xi ħaġa li tqajjem il-kultura u għax ikun hemm element kummerċjali, l-awtoritajiet, fosthom il-MEPA, joħolqu problemi.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Josè Herrera beda biex irringrazzja lill-familja Cauchi li tmexxi s-San Niklaw Estates tal-inizjattiva tagħhom. Huwa qal li l-attivitajiet kulturali jagħtu identità lill-Kunsilli Lokali u jagħtu ħajja lil lokal tagħhom.

Il-Festival ‘Żejt iż-Żejtun’ se jiftaħ is-Sibt, 28 ta’ Settembru b’defilè u jkun hemm parata mill-Gonfalon u Granmastru Perellos. L-attivitajiet huma varji fejn se jittelgħu f’diversi żoni. L-għada, il-Ħadd 29 ta’ Settembru l-festival ikun biss fin-nofstanhar ta’ filgħodu biss.

Għal dawk li se jattendu se jkun hemm arranġamenti apposta li minbarra parkeġġ fiż-Żejtun stess se jkun hemm ukoll servizz ta’ trasport b’xejn mill-Qasam Industrijali ta’ Bulebel (ħdejn l-Inspire) u lura.

Recent Posts